Il-Kummissjoni Ewropea u l-aġenzija eżekuttiva tal-UE għall-konsumaturi, is-saħħa, l-agrikoltura u l-ikel (CHAFEA) approvaw 81 kampanja biex jippromwovu l-prodotti agroalimentari tal-UE fl-UE u barra minnha għat-tliet snin li ġejjin. Il-kampanji magħżula se jibbenefikaw minn finanzjament globali ta’ EUR 200 miljun mill-baġit agrikolu tal-UE.
Il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali Phil Hogan qal:
Il-prodotti agroalimentari Ewropej huma magħrufa madwar id-dinja għall-kwalità u l-awtentiċità tagħhom. Nista’ nara dan jien stess filwaqt li nżur diversi pajjiżi madwar id-dinja, bħaċ-Ċina, il-Ġappun, l-Indoneżja, il-Messiku, jew il-Kolombja akkumpanjati minn produtturi agroalimentari tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea tappoġġja x-xogħol iebes tagħhom billi xxerred il-kelma u żżomm reputazzjoni tajba fil-livell globali.
Il-programmi ta’ promozzjoni għandhom l-għan li jgħinu lill-produtturi jikkomunikaw dwar il-kwalità tal-prodotti tagħhom, jippromwovuhom fl-UE u lil hinn minnha, u jiftħu swieq ġodda. Dawn jiffukaw fuq għadd ta’ prijoritajiet bħall-enfasi fuq il-kwalità tal-ikel Ewropew b’indikazzjonijiet ġeografiċi, jew metodi ta’ produzzjoni organika.
Mill-81 kampanja approvati, 55 pajjiż fil-mira barra mill-UE, bħall-Brażil, il-Kanada, iċ-Ċina, il-Messiku u l-Indja. Il-kampanji magħżula se jkopru firxa wiesgħa ta’ prodotti bħall-ħalib, iż-żebbuġ, u l-frott u l-ħxejjex. Pereżempju, is-settur tal-frott u l-ħaxix se jkollu 16-il programm iddedikat, filwaqt li l-ġobon u l-prodotti tal-ħalib se jkollhom tmienja. Din is-sena, il-programmi magħżula ġejjin minn applikanti minn 19-il Stat Membru.
Sfond
L-hekk imsejħa programmi sempliċi ta’ promozzjoni jirrappreżentaw nofs il-baġit allokat għall-politika ta’ promozzjoni. Il-EUR 100 miljun l-oħra huma ddedikati għal programmi multipli (EUR 90.5 miljun) u l-inizjattivi proprji tal-Kummissjoni (EUR 9.5 miljun).
Programmi sempliċi ta’ promozzjoni jiġu ppreżentati minn organizzazzjoni proponenti waħda jew aktar mill-istess Stat Membru filwaqt li programmi multipli jiġu ppreżentati minn tal-anqas żewġ organizzazzjonijiet proponenti minn tal-anqas żewġ Stati Membri jew organizzazzjoni Ewropea waħda jew aktar. Dawn tal-aħħar huma ġestiti direttament mill-aġenzija eżekuttiva tal-UE għall-konsumaturi, is-saħħa, l-agrikoltura u l-ikel (CHAFEA), filwaqt li programmi sempliċi huma ġestiti mill-amministrazzjonijiet nazzjonali. Din is-sena, intgħażlu 56 kampanja għal programmi sempliċi u 25 għal programmi multipli.
Għall-programmi kollha ta’ promozzjoni, firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet, bħall-organizzazzjonijiet tal-kummerċ, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-korpi agroalimentari responsabbli għall-attivitajiet ta’ promozzjoni kienu eliġibbli biex japplikaw għall-finanzjament permezz tas-sejħa għal proposti li tnediet f’Jannar 2019. Imbagħad ġew evalwati u kklassifikati mis-CHAFEA, bl-għajnuna ta’ esperti esterni.
Aktar Informazzjoni
Il-politika tal-UE dwar il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli
- Data tal-pubblikazzjoni
- 21 Ottubru 2019
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali



