L-għan tas-servizzi ta’ konsulenza għall-azjendi agrikoli
Is-servizzi ta’ konsulenza għall-azjendi agrikoli huma kruċjali fl-appoġġ lill-bdiewa, lill-forestiera u lill-komunitajiet rurali biex jadattaw għall-pajsaġġ agrikolu li qed jevolvi u għat-tranżizzjoni lejn prattiki aktar kompetittivi, sostenibbli u reżiljenti.
Biex jinkiseb dan, huwa essenzjali li l-bdiewa, il-forestiera, u l-atturi rurali jkollhom aċċess faċli għal pariri indipendenti u komprensivi mfassla għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, inkluża gwida dwar l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni.
Skont il-politika agrikola komuni (PAK) għall-perjodu 2023-27, is-servizzi konsultattivi għall-azjendi agrikoli huma parti integrali mis-Sistema tal-Għarfien u l-Innovazzjoni Agrikoli (AKIS) tal-pajjiżi tal-UE u jkopru d-dimensjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-PAK.
Ir-rwol tas-servizzi ta’ konsulenza għall-azjendi agrikoli
- L-għoti ta’ pariri komprensivi, li jkopru l-objettivi speċifiċi kollha tal-PAK, inkluża informazzjoni teknoloġika u xjentifika aġġornata mir-riċerka u l-innovazzjoni.
- L-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-PAK billi l-bdiewa jiġu megħjuna jifhmu u jikkonformaw mal-obbligi tal-PAK, inklużi l-kundizzjonalità u l-ekoskemi.
- L-appoġġ għall-iżvilupp u r-reżiljenza tal-azjendi agrikoli, b’pariri mfassla apposta dwar il-modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli, il-kompetittività, l-orjentazzjoni tas-suq, l-intraprenditorija, id-diversifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi u l-ġestjoni tar-riskju.
- It-trawwim tal-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni, inkluż l-appoġġ għall-innovazzjoni għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-Grupp Operazzjonali tal-EIP-AGRI.
- L-iffaċilitar tal-iskambju tal-għarfien u l-iżvilupp tal-ħiliet, inkluż l-aċċess għat-taħriġ u l-opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja għall-bdiewa, il-forestiera u atturi rurali oħra.
Integrazzjoni tas-servizzi ta’ konsulenza għall-azjendi agrikoli fl-AKIS
Il-PAK 2023-27 tirrikjedi li l-pajjiżi tal-UE jiżviluppaw strateġiji komprensivi tal-AKIS biex itejbu l-iskambju tal-għarfien u l-innovazzjoni. Il-pajjiżi tal-UE għandhom jintegraw il-konsulenti pubbliċi u privati u n-networks konsultattivi kollha fi ħdan l-AKIS biex irawmu l-iskambju tal-għarfien fost l-atturi rilevanti.
Il-konsulenti huma mħeġġa jipparteċipaw f’networks konsultattivi, jaqsmu l-esperjenzi u jitgħallmu mill-pari. In-networks konsultattivi fil-livell tal-UE, appoġġati minn Orizzont Ewropa, jgħaqqdu l-konsulenti madwar il-pajjiżi tal-UE dwar temi speċifiċi, filwaqt li jsaħħu l-ekosistema ġenerali tal-għarfien u l-innovazzjoni.
Bażi ġuridika
L-implimentazzjoni tas-servizzi ta’ konsulenza għall-azjendi agrikoli skont il-PAK 2023-27 hija koperta minn:
- L-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2021/2115 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK

